Jien jisimni Daniel Eric Azzopardi. Għandi 15 –il sena u noqgħod il-Qala. Jien żagħżugħ nieqes mis-smigħ u għandi kapaċitajiet bħal żgħażagħ oħrajn ta’ mpari.
Wieħed mill-passatempi tiegħi huwa d-daqq tal-qniepen tal-knejjes. Sikwit indoqq il-Qala. S’issa daqqejt f’bosta festi fosthom il-Kunċizzjoni fil-Qala, f’Sant’ Antnin fl-Imġarr Għawdex u f’Santa Marija f’Kemmuna. Din is-sena ser indoqq fl-Isla u f’Kerċem.
Passatemp ieħor huwa li ndoqq is-snare drums mal-banda ‘Ite ad Joseph’ tal-Qala. Jien ilni nistudja sitt snin it-teorija u sentejn il-prattika tad-drums. Wara tant studju, ħriġt indoqq għall-ewwel darba mal-banda f’lejliet il-Milied 2017. Daqqejt ukoll fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Inħobb ħafna l-għawm, nogħdos u nara ħafna ħut differenti taħt il-baħar. Inħobb il-mużajk u darba f’sena nieħu sehem f’MarsalMużajk taħt id-direzzjoni tal-bravissima Mary Portelli.
Is-sena l-oħra attendejt kors tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Dan għenni ħafna biex ngħallmu lil sħabi tal-qniepen, b’hekk meta ndoqqu l-qniepen bl-‘ear protection’, aħna nikkomunikaw bis-sinjali.
Biex immur tajjeb fl-iskola attendejt sessjonijiet tal-iSpeech Therapy minn meta kont żgħir. Tul ħajti, minn meta kelli sentejn s’issa, dejjem kelli ‘Teacher of the Deaf’ li jisimha Ms. Miriam Hili. Ms. Hili għenitni nitkellem u niżviluppa l-ħiliet li għandi llum. Miriam dejjem qabżet għad-drittijiet tiegħi fl-iskola u rat li nkun ittrattat ugwali bħall-oħrajn.
L-akbar diffikultà li dejjem kelli hi li nsegwi t-T.V. Kważi qatt ma rajt T.V. f’ħajti, għax jitkellmu jgħaġġlu wisq għalija. Sibt problema fil-ħwienet tal-MC Donalds biex nagħmel ordni tal-ikel fejn il-komunikazzjoni bejnietna kienet ferm ħażina.
Meta nikber nixtieq insir Vet. Esperjenza mill-isbaħ kienet meta għamilt work experience ma’ Dr. Pierre Camilleri, tabib tal-annimali. Jiena beħsiebni mmur l-Università biex inkompli nistudja. Li qed jinkwetani hu kif se nifhem u nikkomunika mal-oħrajn f’dak il-livell.
Iżda mhux se naqta’ qalbi għax il-motto tiegħi huwa:
“Għin ruħek biex Alla jgħinek”.